Il-Banda Konti Ruġġieru tfakkar il-150 sena

Miktuba minn Victor Vella
Aġġornat  Jun 11, 2024

Tabib u mediċina b’xejn ferm qabel l-Istat… it-twaqqif tas-Soċjetà Mutuo Soccorso… il-Banda Konti Ruġġieru tfakkar il-150 sena

Fid-29 ta’ Lulu tas-sena 2019, il-Banda Konti Ruġġieru iċċelebrat il-150 sena mit-twaqqif tagħha. Il-Banda Konti Ruġġieru fakkret dan l-anniversarju f’quddiesa u wara marċ li żar d-diversi proprjetajiet li servew għas-sede tagħha.

Din il-banda, b’differenza minn oħrajn li twaqqfu f’dik l-epoka, twaqqfet permezz ta’ kuntratt notarili minn 17-il persuna. Fatt mill-aktar interessanti li kien seħħ fi ħdan dan is-soċjetà kien it-twaqqif tas-Soċjetà Mutuo Soccorso. Illum il-kunċett jinftiehem sew għax hi fondazzjoni li tgħin lill-membri li jkunu fil-bżonn waqt il- mard. Imma aktar minn mitt sena, dan kien kunċett għal kollox ġdid. Filfatt is-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru kienet l-ewwel f’Malta li waqqfet fi ħdanha ‘‘Socjeta Mutuo Soccorso’’. Twaqqif li sar ferm u ferm qabel l-Istat u kienet toffri sistema ta’ ‘‘servizzi soċjali’’ għall-membri tagħha.

L-ISTORJA TAS-SOĊJETÀ MUTUO SOCCORSOJMUR LURA GĦALL-EQQEL TAL-EWWEL GWERRA DINJIJA

L-ewwel gwerra dinjija, kif kien jiġri f’Malta meta tinqala’ xi gwerra fl-Ewropa jew f’xi parti tal-Mediterran, kienet wasslet biex f’pajjiżna kien hawn sitwazzjoni ta’ full employment. Kien hemm eluf ta’ persuni li f’sitwazzjoni ta’ gwerra kienu jispiċċaw impjegati fit-Tarzna, mas-servizzi Ingliżi u bosta Maltin marru anke jaħdmu mal-Qawwiet Ingliżi barra l-pajjiż.

Din is-sitwazzjoni ħolqot sfida ġdida. Minħabba x-xogħol li kien hawn kienu għolew il- prezzijiet ta’ diversi prodotti li għal dak iż-żmien kienu essenzjali. Qed nitkellmu fuq il-ħobż, zokkor u l-laħam.

Din kienet sitwazzjoni li laqtet għadd ta’ faxex tas-soċjetà Maltija. Interessanti hu l-fatt li f’Settembru tas-sena 1916, il-Kumitat tal-Banda Konti Ruġġieru kien irċieva appell mill-Kumitat tal-British Red Cross biex issirlu ġabra fost il-bandisti. Il-kumitat kien qabel li din kienet impossibbli li ssir imma kienu qablu li jagħtuhom xi flus mill-fondi tas-Soċjetà.

Il-piż tal-għoli tal-ħajja tant kien qiegħed jagħfas fost il- poplu Malti li l-kappillani ħassew li kellhom jagħmlu xi ħaġa. Fil-fatt il-Ħamis, 23 ta’ Novembru, 1916, il-kappillani kollha ta’ Malta marru personalment il-Palazz fil-Belt Valletta u ppreżentaw petizzjoni lill-gvernatur Lord Methuen. Fiha spjegawlu l-istat li fih kien jinsab il-poplu u talbuh jieħu inkonsiderazjoni li jfittex mezz kif iraħħas l-affarijiet li mingħajrhom il-poplu ma setax jgħaddi.

MEMBRU KIEN SE JISPIĊĊA ŻGOMBRAT … IL-KAŻ JISPIĊĊA QUDDIEM IL-KUMITAT

Quddiem il-kumitat tal-Banda Konti Ruġġieru f’Ottubru tas-sena 1916 kien tqajjem il-każ ta’ jekk il-każin kellux jislef mill-fond tiegħu £3 lil wieħed mill-membri, li ma kellux il-flus biex iħallas il-kera u kien f’riskju li jiffaċċja żgombrament.

Il-kumitat ikkunsidra li dan il-każ kien delikat ħafna u ma riedx jonqos mill-karità, iżjed u iżjed billi fin-nofs kien hemm wieħed mill-membri. Il-kumitat irrealizza li jekk jaċċetta din it-talba kien se jiftaħ il-bieb għal talbiet oħrajn simili billi f’dak iż-żmien kien hemm diversi oħrajn f’sitwazzjonijiet simili. Għaldaqstant billi l-kumitat ik- konkluda li billi s-Soċjetà ma kinitx waħda ta’ Mutuo Soccorso (għajnuna) ma kellux jil- qa’ din it-talba.

Biss xorta nħass il-bżonn li ssir xi ħaġa f’dawk iċ-ċirkos- tanzi diffiċli. Dan joħroġ mill-fatt li fit-3 ta’ Frar, 1917, saret seduta ġenerali l-każin u fiha twaqqfet Xirka jew għaqda fi ħdan il-Mutuo Soccorso u dan biex tkun ta’ għajnuna lill- membri f’każ ta’ bżonn.

ISSIR IL-PROPOSTA GĦAT-TWAQQIF TA’ XIRKA TA’ GĦAJNUNA

Old picture of band

Fis-seduta li kienet saret fl-1 ta’ Ottubru, 1916, is-soċju Ġużeppi Borg għamel proposta biex fi ħdan is-Soċjetà San Pawl tiġi mwaqqfa ‘‘Mutuo Soccorso’’, liema fondazzjoni tkun tista’ tagħti għajnuna fil-mard lis- soċji u bandisti tas-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru.

Il-President ta’ dak iż-żmien il-Konti Dr Alfredo Caruana Gatto deherlu li l-proposta kien fiha x’wieħed jaħseb fuqha, u hekk gara għax il-proposta ta’ twaqqif tas-Soċjetà Mutuo Soc- corso baqgħet tberren f’moħħ il-President sa kemm l-istess President iddeċieda li tiġi mwaqqfa.Fil-fatt nsibu li l-Konti Dr Alfredo Caruana Gatto nnifsu pprepara r-regolamenti ta’ din is-Soċjetà u f’seduta li sejjaħ fil-11 ta’ Frar, 1917, quddiem 126 Soċju u Bandisti faħħar il-ħsieb sabiħ tas-Sur Ġużeppi Borg u aċċerta lil kull min kien preżenti li din is-Soċjetà Mutuo Soccorso imwielda fi ħdan is-Socċetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru kienet se sservi ta’ għajnuna sabiħa u fejjieda għal dawk is-Soċi u Bandisti li jiġu bżonnha. Meta l-membri approvaw dak li qal il-President, l-istess Presi- dent qara r-regolamenti ta’ din is-Soċjetà. Hekk kif is-seduta approvat dawn ir-regolamenti, il-President talab biex jiġu magħżula s-Segretarju u t-Teżo- rier biex ikunu jistgħu jmexxu din is-Soċjetà. Bħala Segretarju nħatar l-Avukat F. Wirth u bħa- la Teżorier is-Sur F. Pace Axiak, li kien negozjant magħruf.

TABIB B’XEJN U MEDIĊINA B’XEJN

Is-Soċjetà barra li ddeċidiet skond ir-regolamenti li jiġi mogħti sussidju lil min jimrad ġie deċiż ukoll skond ir-regolamenti li min jimrad għandu dritt li jkollu l-visti tat-tabib tas-Soċjetà b’xejn u għandu dritt ukoll għal mediċina b’xejn. Għalhekk is-Soċjetà Mutuo Soccorso sejħet seduta fis-27 ta’ Frar, 1917, biex jiġu nnominati t-tabib tas-Soċjetà u l-ispizjar tas-Soċjetà.

L-għażla waqgħet fuq it-Tabib Felice Formosa u s-Sur Luigi Naudi bħala spiżjar. Meta t-tabib Formosa rreżenja fis-26 ta’ Lulju, 1919, il-Kumitat innomina bl-approvazzjoni tas-Soċi lil Dr Salvatore Muscat li dam tabib tas-Soċjetà sas-sena 1932. Wara ġie nnominat Dr Joseph Micallef. Meta Dr Micallef ta’ r-riżenja lis-Soċjetà fis-sena 1943, ġiet imsejha seduta fil-11 t’April, 1943, biex is-Soċi jagħżlu tabib ġdid għas-Soċjetà.

Kien hemm erba’ tobba li kienu lesti jservu f’din il-kariga, u meta saret il-votazzjoni mis-Soċi l-għażla waqgħet fuq it-tabib il-Kavallier Joseph Bugeja, liema tabib ġie magħżul fil-11 t’April, 1943.

Is-Soċjetà Mutuo Soccorso biex trodd ħajr lit-tabib tagħha il-Kav. Joseph Bugeja fis-sena 1985 għamlet pittura-ritratt tiegħu bħala gratitudni għas-servizz twil u disinteressat lejn is-Soċjetà. Din il-pittura magħmula mill-pittur Esprit Barthet, tqiegħdet fis-sala prinċipali tas-Soċjetà San Pawl.

Ta’ min isemmi li t-Tabib Bugeja għamel ‘lfuq minn 50 sena iservi bħala tabib tas-Soċjetà.

ISSIR BANDALORA U TINĦAREĠ GĦALL-EWWEL DARBA FIL-FUNERAL TA’ DAK LI PPROPONA L-MUTUO SOCCORSO

Bandalora

F’Awissu 1917 kien ġie deċiż li għandha ssir bandalora tas-Soċjetà, u għal dan il-għan ġiet maħtura kummissjoni komposta minn Ġużeppi Borg, Carlo Scicluna u Ġużeppi Bartoli, biex flimkien jiġbru l-flus meħtieġa, kif ukoll jistħarrġu dwar l-għamla tagħha.

In-Nutar Francesco Catania ħa l-inkarigu li jagħmel hu stess id-disinn ta’ din il-bandalora, filwaqt li l-ħjata u ornamenti oħra ġew magħmula minn Ġu- żeppi Busuttil li dak iż-żmien kien kuratur tal-Każin, ir-rakkmu nħadem għand is-Sorijiet ta’ Fra Diegu l-Ħamrun. Din il-Bandalora ġiet ippreżentata mill-Gvernatur ta’ Mal- ta, Field Marshal Lord Methuen nhar il-Ħamis tal-Festi ta’ Corpus Domini tas-sena 1918.

F’seduta li saret fis-16 ta’ Ġunju, 1918, il-Gvernatur Lord Menthuen gie maħtur l-ewwel President Onorarju tas-Soċjetà Mutuo Soccorso, kariga li Lord Menthuen aċċetta bl-akbar pjaċir. L-ewwel dehra ta’ din il-Bandalora fil-pubbliku kienet f’Ottubru 1919 meta miet Ġużeppi Borg fil-fjur ta’ ħajtu.

Gużeppi Borg kien il-promotur għall-ħolqien tas-Soċjetà Mutuo Soccorso u kien l-istess bniedem li tant tħabat biex issir il-Bandalora hawn fuq imsemmija.

Modern picture of band